Insellmilkom! Illum huwa Ħadd il-Palm u l-bidu tal-Ġimgħa Mqaddsa. F'dan il-jum is-soltu nieħdu sehem fil-purċissjoni bil-friegħi tal-palm, fost l-agħjat u l-għors tat-tfal. Iżda din is-sena ma nistgħux nesprimu l-ferħ tagħna b'dan il-mod u lanqas nistgħu nieħdu sehem fil-liturġija b'mod fiżiku. Jista' jkun li ma jkollniex moħħ lanqas. Madanakollu, il-mod ta' ħajja li qed ngħixu minħabba ċ-ċirkustanzi jista' jkun stedina biex, permezz tar-riflessjoni tagħna fuq il-liturġija, ngħixu l-esperjenza tal-Ġimgħa Mqaddsa b'mod aktar spiritwali, fejn nirriflettu fuq din il-Ġimgħa aħna u nakkumpanjaw l-aħħar vjaġġ ta' Kristu lejn il-Kalvarju. Kif igħid Fr Anthony Kadavil, din hija opportunita' fejn, b'rieda ħielsa, aħna nterrqu ma' Kristu tul it-triq tal-Passjoni permezz tal-provi li għaddejjin minnhom. Qed niftakru mhux biss fit-tbatija u l-mewt ta' Kristu iżda wkoll fit-tbatija u l-mewt tagħna fi Kristu.
Hija r-riflessjoni tagħna dwar il-vulnerabilita' tagħna f'diversi forom quddiem l-imxija tal-Covid-19. Hija l-karba tar-restrizzjoni tagħna bit-tensjonijiet li din iġġib; il-karba tal-marid li kemm fiżikament u kemm psikoloġikament huwa maqtugħ mill-familjari tiegħu minħabba iċ-ċirkostanzi straordinarji. Hija l-karba tat-tobba u l-infermiera f'tellieqa kontra dan il-vajru iħossuhom li ma jistgħux jagħmlu dak kollu li jistgħu fil-konfront tal-pazjenti. Hija l-karba ta' l-anzjani u dawk vulnerabbli li jinsabu waħedihom u 'l bogħod mill-għeżież. Hija t-tensjoni fi ħdan familji li ma jistgħux igħixu flimkien minħabba biża' li dawn jimirdu minn xi membru li huwa ħaddiem fil-qasam tas-saħħa. Hija t-tensjoni ta' dawk li jistgħu ikunu aktar esposti għall-vjolenza domestika minħabba ċ-ċirkostanzi ta' restrizzjoni.
Din is-sena, bil-kruha kollha, it-tifkira ta' Ħadd il-Palm hija opportunita' li tiftaħna għall-għajxien tal-Ġimgħa Mqaddsa aktar mill-qrib, biex flimkien ma' Kristu ngħannqu s-salib. Dak id-dettal ta' Kristu jgħannaq is-salib fil-film The Passion of the Christ huwa mument li ma ninsa qatt għax juri profondita' wisq kbira fil-missjoni ta' Kristu. Niftakar fil-kliem tal-karattru ta' Le Ly Hayslip fil-film tassew qawwi Heaven and Earth, meta, wara sensiela ta' esperjenzi kefrin fil-gwerra tal-Vjetnam, tasal tgħid, "Suffering brings you closer to God."
Illum qegħdin infakkru d-daħla ta' Kristu f'Ġerusalemm, fejn jiġi milqugħ bil-palm tal-friegħi mill-miġemgħa. Hija ċelebrazzjoni li tinvolvi l-umilta' tar-re riekeb ħmar milqugħ min-numru ta' nies. Permezz ta' din id-daħla trijonfanti, Kristu qed juri li hu l-Messija u li fih tinsab il-milja tal-profezija ta' Sofonija (3, 14-19): "Għajjat bil-ferħ ta' qalbek, bint Sijon ... Is-sultan t'Iżrael, il-Mulej, hu f'nofsok; ma jkollokx iżjed ħsara minn xiex tibża'.... Dakinhar jgħidu lil Ġerusalemm: 'Tibżax, Sijon, tħallix idejk jintelqu: il-Mulej, Alla tiegħek f'nofsok." (Kadavil) Din iċ-ċelebrazzjoni fil-miftuħ twassal għall-Passjoni u l-Mewt ta' Kristu iżda sikwit ninsew it-Tmiem: Il-Qawmien mill-Mewt. U r-rebħa fuq il-mewt, b'kuntrast mal-ferħ ta' Ħadd il-Palm, saret fis-satra. Il-glorja t'Alla taħdem fis-silenzju.
It-tieni qari, li huwa l-famuż innu mill-ittra lill-Filippin, jiċċelebra l-misteru kbir tal-kenożi t'Alla. Alla li jista' kollox tant għandu mħabba qawwija u perfetta lejn il-bniedem, li jagħżel li jsir bniedem biex Alla stess jurina li qed jakkumpanjana fil-ħajja tagħna fuq din l-art, bis-sabiħ u l-ikrah kollu tagħha; fit-totalita' tagħha. Kif kien igħid San Atanażju, Alla sar bniedem, biex il-bniedem ikun jista' jilħaq lil Alla. Ġesu' Kristu tneżża mill-ġmiel u l-maesta' tiegħu biex jitgħabba bl-effetti tad-dnub u jifdihom fuq is-salib. Il-misteru tat-tbatija u l-fidwa tiegħu huwa l-qofol tal-missjoni ta' Kristu. Kif l-umilta' tal-Alla-Bniedem wasslet għall-fidwa tal-bniedem, hekk ukoll l-umilta' tagħna u l-effetti tagħha ta' sogħba ġenwina jwassluna għall-glorja quddiem Alla.
Id-daħla messjanika ta' Kristu f'Ġerusalemm hija okkażjoni ta' ċelebrazzjoni, iżda rridu nżommu f'moħħna l-ċirku taċ-ċelebrazzjoni jilħaq il-milja tiegħu fil-Qawmien mill-mewt, li hija t-tama tad-destinazzjoni tagħna. Il-mixja tagħna fuq din l-art hija paralelliżmu ma' dik ta' Kristu (ovvjament ma rridux ninsew il-grazzja t'Alla li taħdem fina meta nkunu miftuħin għaliha!); it-triq tal-ħajja tagħna hija mimlija b'esperjenzi sbieħ u koroh li jistgħu isawwruna jew ikissruna, iżda d-destinazzjoni tagħna hija l-ħajja ta' dejjem. F'dan iż-żmien ta' tbatija, aħna niftakru li qed inġorru s-salib tat-tbatija tagħna flimkien ma' Kristu. Kull wieħed u kull waħda minna huwa Xmun iċ-Ċirinew. L-esperjenza tal-Ġimgħa Mqaddsa hija l-esperjenza tad-dawl tat-tama li jinfed l-akbar abbiss ta' dlamijiet f'ħajjitna. Għandna ħafna għaliex niċċelebraw anke f'dan iż-żmien (u b'mod differenti wkoll!) għaliex Kristu, permezz tal-fidwa tiegħu bħala l-Messija,fetħilna t-triq biex nissieħbu miegħu fil-glorifikazzjoni.
Ir-referenza għal riflessjoni minn Fr Antony Kadavil huma mehuda mis-sit ta' Vatican News:
https://www.vaticannews.va/en/church/news/2020-04/palm-sunday-reflection-vatican-news.html [aċċess l-4 t'April 2020]
Comentarios