top of page
Search

Il-Wiċċ wara n-Numru: Ħsieb fi żmien l-imxija tal-Covid-19

Bħalissa ninsabu mifnijin b'numri u statistika. Mingħajr ma rridu, spiss inqallbu xi stazzjon biex naraw kif inhi s-sitwazzjoni madwar id-dinja, kawża tal-imxija tal-Covid-19. In-numri li naraw ta' nies morda jew mejtin iwaħħxuna. Ħafna minna jinġabru madwar it-televixin jew quddiem il-kompjuter jew il-mowbajl biex jisimgħu l-aħħar żviluppi f'pajjiżna. Jekk in-numru jkun pjuttost żgħir, nagħmlu kuraġġ, sakemm ma nillaxkawx mid-direttivi wkoll!  Jekk le, nallarmaw ruħna.


Pero' lill'hemm mill-istatistika, dawn in-numri ta' nies milqutin minn din il-marda huma persuni. Persuni bl-istorja unika tagħhom, bl-għajxien tagħhom fi ħdan familji u qraba għeżież għalihom, u bl-impatt li, fil-mod ċkejken kemm hu ċkejken, ħallew fuq id-dinja. Kull numru huwa persuna individwali u unika, li tagħmel (jew għamlet) parti minn storja aktar kbira - dik tal-umanita' sħiħa. U din is-sitwazzjoni kerha u diffiċli titlobna biex noħorġu mill-fosdqa li ninsabu fiha u nwessgħu il-viżjoni tagħna. Il-poeta metafiżiku John Donne kien igħid li l-ebda bniedem mhu gżira u malajr qed nindunaw kemm l-għazliet li jagħmel ħaddieħor, kemm tajbin u kemm ħżiena, jaffettwaw lill-oħrajn. L-umanita' tagħna tistedinna biex noħorġu 'l barra minna nfusna biex ngħannqu lid-dinja, bis-sabiħ u l-ikrah tagħha.


Din l-esperjenza li għaddejjin minna tistedinna li noħorġu minna nfusna biex inkunu nafu x'jiġifieri ngħixu fi ħdan komunita'. L-individwaliżmu li ħakem lis-soċjeta' tal-Punent rawwem ġo fina egoiżmu u aljenazzjoni. Din is-sitwazzjoni tistedinna u tħeġġiġna biex inreġġgħu lura l-prijoritajiet tagħna u naraw il-valur imprezzabli fil-persuni ta' madwari. Spiss qegħdin naqraw b'atti altruwisti li jagħmlu kuraġġ u unur lill-bniedem. Meta noħorġu mill-fosdqa tagħna naraw lil kull wieħed u waħda minna bħala ħolqa minn katina li tgħaqqad lid-dinja. Ikollna viżjoni aħjar rigward il-pożizzjoni tagħna ħdejn dik tal-oħrajn. Din il-viżjoni toħroġna mill-fosdqa tagħna biex nilħqu lill-oħrajn b'kull mod possibli. Dawn l-esperjenzi jġiegħluna nirriflettu fuqhom huma skola ta' għerf anke fl-assenza tal-iskejjel b'mod fiżiku: kemm hu sabiħ li lill-uliedna ngħaddulhom dawn il-valuri ta' solidarjeta'


L-iżolament huwa opportunita' ta' tagħlim: biex aħna niskopru aktar ir-rikezza tal-bniedem 'l hemm min-numri u minn dak li jidher. Biex aħna nitgħallmu x'jiġifieri ngħixu f'komunita' (għalkemm anke b'mod virtwali) u napprezzaw din il-karatteristika li tagħmilna umani. Iġġiegħlna nħarsu lejn bniedem sħiħ: b'saħħtu u vulnerabbli fl-istess ħin; kreattiv u qerriedi fl-istess ħin. Imma kull wiċċ ta' persuna hija mera tad-divin li jinsab igħammar ġewwa fiha - bil-potenzjal tat-tiġdid tad-dinja.





17 views0 comments
bottom of page